gov.mt

PR261809

PR261809

28/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Kummissarju Għoli u żewġ Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta


Kummissarju Għoli u żewġ Ambaxxaturi ġodda preżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta, illum, l-Erbgħa 28 ta' Ottubru 2026.

Dawn huma:​

Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tat-Tanżanija, l-Eċċellenza Tiegħu  Mbarouk Nassor Mbarouk,

L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Bulgarija, l-Eċċellenza Tiegħu Ivan Kondov, u

L-Ambaxxatur tal-Ukrajna, l-Eċċellenza Tiegħu Ihor Brusylo.

Waqt il-laqgħa tiegħu mal-Eċċellenza Tagħha, il-Kummissarju Għoli tat-Tanżanija tenna l-impenn li matul il-mandat tiegħu jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet bilaterali, b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-investiment, it-tisħiħ tal-iskambji kummerċjali u biex ikunu identifikati opportunitajiet ġodda ta' kollaborazzjoni ta' benefiċċju reċiproku, fosthom fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-turiżmu, u l-kollaborazzjoni portwali u marittima. F'dan ir-rigward, huwa rrefera għal serje ta' laqgħat li għandu skedati fil-jiem li ġejjin biex jiġu diskussi opportunitajiet għal aktar kooperazzjoni  bejn iż-żewġ pajjiżi.

Min-naħa tagħha,  l-Eċċellenza Tagħha esprimiet ir-rieda ta' Malta li taqsam l-esperjenza u l-għarfien li bniet matul dawn l-aħħar snin  f'setturi ta' interess komuni, biex tassisti lit-Tanżanija f'dawn l-oqsma.

Matul il-laqgħa tiegħu, l-Ambaxxatur Bulgaru ddiksuta il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Bulgarija fuq skala bilaterali, u saħaq kif dawn ir-relazzjonijiet huma b'saħħithom u jistgħu jiġu msaħħa aktar. Fuq skala multilaterali, huwa ħeġġeġ għal aktar ħidma fi ħdan l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Magħquda, filwaqt li tenna l-impenn ta' pajjiżu biex l-Unjoni Ewropea tkompli l-proċess ta' tkabbir tagħha.

Il-President ta' Malta tkellmet dwar ir-rieda li jkompli jissaħħaħ l-iskambju bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll dwar il-qagħda usa' tas-sigurtà Ewropea, b'enfasi kif l-implikazzjonijiet tal-kunflitti li għaddejjin bħalissa jestendu lil hinn mill-pajjiżi direttament involuti, u jaffettwaw is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiżi ġirien u tal-kontinent Ewropew kollu.

L-Ambaxxatur tal-Ukrajna esprima l-apprezzament sinċier tiegħu għas-solidarjetà u l-appoġġ kontinwu ta' Malta lejn il-poplu Ukren sa mill-bidu tal-gwerra, filwaqt li faħħar il-pożizzjoni ta' Malta bħala eżempju ċar ta' kif, għal Malta, in-newtralità ma tfissirx silenzju jew indifferenza quddiem ksur tad-dritt internazzjonali.

Min-naħa tagħha, il-President ta' Malta ġeddet l-impenn ta' Malta li tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u lill-poplu Ukren kif għamlet f'diversi okkażjonijiet, sabiex tkompli tippromwovi l-prinċipji tal-ġustizzja, ir-responsabbiltà u r-rispett lejn id-dritt internazzjonali, li għandhom ikunu l-pedamenti ta' paċi ġusta u dejjiema.​

Il-President Myriam Spiteri Debono ferħet lill-Kummissarju Għoli u lill-Ambaxxaturi għall-ħatra tagħhom. ​

​